Qed niktbu dan bħala ħaddiema, studenti, bdiewa, ġenituri—bħala Palestinjani, bħala Palestinjani queer. Qed niktbu dan mhux għax il-fatt li aħna queer jagħmel il-pożizzjonijiet tagħna eċċezzjonali imma għax, bl-istess mod li ġejna meqjusin bħala l-“oħrajn”, issa qed niffaċċjaw tattiċi patrijarkali kolonjali li qed jaraw kif jagħmlu biex jaljenawna bħala Palestinjani queer. Biex insibu kliemna u saħħitna neħtieġu sforzi kbar. Aħna ddiżgustati li qalb dawn il-waqtiet ta’ brutalità spettakolari u tbiċċir proġettat fuq iġsma Palestinjani, inkluż stupru, tortura, mutilazzjoni u mmankar, aħna mhux qed nitħallew nibku u norganizzaw biex nagħmlu appell.
Ilna mis-7 ta’ Ottubru nixhdu ġenoċidju aċċellerat li qed jiżvolġi fil-Medda ta’ Gaża u fil-partijiet kollha tal-Palestina, sfaċċatament u pubblikament iddikjarat kemm-il darba minn figuri tal-gvern u l-militar Iżraeljan. Il-brutalità u l-enormità letali tal-atroċitajiet imwettqa mill-Istat tal-Iżrael u dawk li jappoġġjawh qed jagħmlu kundizzjonijiet dejjem iktar tal-waħx għal dawk li għadhom ħajjin fil-Palestina, kuljum, kullimkien. Din il-brutalità ġiet mantnuta permezz tal-appoġġ ekonomiku, militari, diplomatiku u politiku kontinwu tal-mexxejja dinjija, kemm storikament u kemm fil-preżent. Aħna qed nieħdu kont, niddokumentaw, u nirrakkontaw il-mijiet ta’ massakri katastrofiċi ta’ dawn l-aħħar 75 sena mwettqa mir-rabja qerrieda tar-reġim Żijonista; minn Deir Yassin għall-Massakru ta’ Tantura (1948) li fuqu ġie bbażat it-twaqqif tal-Iżrael, għall-Massakru ta’ Kafr Qassem (1956) għal Sabra u Shatila (1982), biex insemmu biss uħud. L-ebda moviment politiku u soċjali ta’ liberazzjoni mhu se jikseb il-ħajja u d-dinjità jekk ikun allinjat mal-makkinarju ġenoċidjali tal-Iżrael. L-Iżrael huwa mwaqqaf fuq id-demm u huwa sostnut bid-demm.
F’daż-żmien, u bit-tkomplija tal-isfruttament li ilu għaddej tal-politika identitarja, l-Iżrael juża l-ġisem queer biex jirribatti kull appoġġ għall-Palestina u kull kritika tal-proġett kolonjali tiegħu. L-Iżraeljani (politiċi, organizzazzjonijiet, u “persuni ċivili”) immobilizzaw dikotomiji kolonjali bħal “iċċivilizzati” u “barbari”, “umani” u “annimali”, u binarji diżumanizzanti oħrajn bħala leġitimizzazzjoni tal-attakki fuq il-Palestinjani. B’din ir-retorika kolonjali, l-Iżrael irid jakkwista u jimmobilizza l-appoġġ tal-gvernijiet u s-soċjetajiet tal-Punent billi jpinġi lilu nnifsu bħala nazzjon li jirrispetta l-ħelsien, id-diversità u d-drittijiet umani, li qed jiġġieled soċjetà “mostruża” u oprimenti, muri ċar mid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tal-Iżrael: “Hemm taqbida bejn ulied id-dawl u wlied id-dlam, bejn l-umanità u l-liġi tal-ġungla.”
Filwaqt li dawn id-dikjarazzjonijiet, sfaċċatament razzisti u ġenoċidjali joħorġu fil-beraħ, attivisti fil-Palestina u internazzjonalment qed jiġu msikkta, iffastidjati, miżmuma, kriminalizzati, ħaddiema qed jitkeċċew minn xogħolhom, u studenti qed jiġu sospiżi mill-universitajiet. Attivisti femministi u queer internazzjonali, li huma f’solidarjetà mal-Palestina, qed jiffaċċjaw attakki u fastidju minn Żijonisti taħt il-premessa li dawk li jappoġġjaw il-Palestina se jiġu “stuprati” mill-Palestinjani u se “jaqtgħulhom rashom” għax sempliċiment huma nisa u queer. Iżda, aktar iva milli le, l-istupru u l-mewt huma dak li jixtiequ ż-Żijonisti għall-persuni queer u n-nisa li huma solidali mal-Palestina. Il-fantasiji Żijonisti ta’ iġsma brutalizzati ma jissorprenduniex, għax esperjenzajna r-realtà tal-manifestazzjoni tagħhom fuq ġilditna u fuq l-ispirtu tagħna. Madankollu, huma qatt ma jonqsu milli jaċċelleraw il-qilla espliċita tagħhom. Huwa dejjem aktar assurd meta dawn l-immaġini jiġu ppreżentati kontra s-soċjetà Palestinjana, meta tqis l-għadd ta’ testimonjanzi, rapporti, u dokumentazzjonijiet ta’ vjolenza sesswali li l-Palestinjani ilhom jiffaċċjaw matul il-75 sena ta’ okkupazzjoni militari tal-Iżrael. Mill-eluf ta’ priġunieri Palestinjani, irġiel u nisa, li huma soġġetti għal tortura sesswali u stupru mill-bidu ta’ Iżrael sal-lum stess, għall-vjolenza ta’ kuljum u li dejjem teskala tal-kolonizzaturi kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, għal “persuni ċivili” Iżraeljani li jiffilmjaw lilhom infushom jittorturaw Palestinjani maħtufa bħala trend fuq TikTok, u l-aktar filmati koroh ippubblikati reċentament fuq pjattaformi tal-midja soċjali minn suldati Iżraeljani li jiddokumentaw il-livelli ta’ tortura u abbuż sesswali li s-suldati u l-kolonizzanti jagħmlu fuq ġisimna irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali u l-ġeneru tagħhom—kull forma ta’ vjolenza, inkluża vjolenza sesswali, hija sistematikament u strutturalment parti mid-dominazzjoni Żijonista fuq il-ħajja Palestinjana. U madankollu, is-soċjetà Iżraeljana tkompli tistrumentalizza l-identità queer bl-iskop li tiġġustifika l-gwerra u r-ripressjoni kolonjali, bħallikieku l-bombi, il-ħitan tal-apartheid, l-armi tan-nar, is-skieken u l-bulldozers tagħhom jagħżlu lil min jolqtu skont is-sesswalità u l-ġeneru.
Aħna nirrifjutaw l-istrumentalizzazzjoni tal-identità queer tagħna, ta’ ġisimna, u l-vjolenza li niffaċċjaw bħala persuni queer, biex jiġu demonizzati u deumanizzati l-komunitajiet tagħna, speċjalment fis-servizz ta’ atti imperjali u ġenoċidjali. Aħna nirrifjutaw li s-sesswalità Palestinjana u l-attitudnijiet Palestinjani lejn sesswalitajiet diversi jsiru parametri biex l-umanità tiġi assenjata lil kwalunkwe soċjetà kolonizzata. Ħaqqna l-ħajja għax aħna umani, bil-bosta imperfezzjonijiet tagħna, u mhux minħabba l-prossimità tagħna għall-modi kolonjali ta’ umanità liberali. Nirrifjutaw tattiċi kolonjali u imperjalisti li jfittxu li jaljenawna mis-soċjetà tagħna u jaljenaw is-soċjetà tagħna minna, abbażi tal-identità queer tagħna. Qed niġġieldu sistemi interkonnessi ta’ oppressjoni, inklużi l-patrijarkat u l-kapitaliżmu, u l-ħolm tagħna ta’ awtonomija, komunità u ħelsien huma marbutin b’mod intrinsiku max-xewqa tagħna għall-awtodeterminazzjoni. L-ebda liberazzjoni queer ma tista’ tinkiseb bil-kolonizzazzjoni, u l-ebda solidarjetà queer ma tista’ titrawwem jekk tibqa’ għamja għall-istrutturi razzjali, kapitalisti, faxxisti u imperjalisti li jiddominawna.
Nappellaw lill-attivisti u lill-gruppi queer u femministi madwar id-dinja biex ikunu f’solidarjetà mal-poplu Palestinjan fir-reżistenza tiegħu għall-ispostament, is-serq tal-art, u t-tindif etniku u l-ġlieda tiegħu għall-ħelsien tal-artijiet tagħom u tal-futur tagħhom mill-insedjament Żijonista. Din is-sejħa ma tistax titwieġeb biss bit-tixrid ta’ stqarrijiet u l-iffirmar ta’ ittri iżda b’impenn attiv ma’ ġlidiet dekolonjali u liberatorji fil-Palestina u madwar id-dinja. It-talbiet inekwivokabbli tagħna huma dawn:
- Irrifjutaw il-finanzjament Iżraeljan, irrifjutaw kollaborazzjonijiet mal-istituzzjonijiet Iżraeljani kollha, u ngħaqdu mal-moviment BDS.
- Strajkjaw: Bil-kwiet jew pubblikament, irrifjutaw li l-ħidma sfruttata tagħkom tintuża għas-silenzjar tal-attiviżmu fil-Palestina jew il-finanzjament, l-appoġġ u l-approvazzjoni tal-kolonizzazzjoni u l-ġenoċidju tal-kolonizzazzjoni militari.
- Agħmlu dak li persuni queer u antikolonjali ilhom jagħmlu għal għexieren ta’ snin, erġgħu ħudu f’idejkom in-narrattiva, u stabbilixxu intom it-termini tal-konverżazzjoni, din id-darba dwar il-Palestina. Dak li qed iseħħ fil-Palestina huwa ġenoċidju. L-Iżrael huwa okkupazzjoni kolonjali. Il-Palestinjani huma soċjetà okkupata u kolonizzata militarment. Taħt il-liġi internazzjonali, l-Iżrael m’għandux id-dritt li “jiddefendi” lilu nnifsu kontra l-popolazzjoni li jokkupa, filwaqt li l-Palestinjani għandhom id-dritt li jirreżistu l-okkupazzjoni tagħhom. It-talba għall-waqfien mill-ġlied hija l-ewwel pass biex l-Iżrael jinżamm responsabbli għad-delitti tiegħu kontra l-umanità. Irridu nesiġu wkoll li jieqaf l-assedju fuq Gaża u ż-żarmar tal-insedjament Żijonista.
- Ikkuntattjaw lir-rappreżentanti lokali tagħkom biex tagħmlu pressjoni biex ma jibqgħux jiffinanzjaw il-ġenoċidju, u jtemmu l-appoġġ militari, diplomatiku u politiku tagħhom għall-Iżrael. Semmgħu leħinkom kontra l-kriminalizzazzjoni kontinwa u kompliċi tas-solidarjetà mal-Palestina u l-projezzjoni kolonjali u Iżlamofobika tal-Antisemitiżmu Ewropew fuq ilħna Palestinjani u razzjalizzati, kif qed naraw b’mod partikolari fi Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Ġermanja.
- Agħlqu t-toroq prinċipali. Organizzaw sit-in f’post ċentrali ħdejkom. Interrompu l-kummerċ. Il-kompjaċenza hija għażla.
Aħna, Palestinjani queer, aħna parti integrali mis-soċjetà tagħna, u qed ninfurmawkom: mill-isqaqien wisq militarizzati ta’ Ġerusalemm sal-artijiet maħruqa ta’ Huwara, sat-toroq sorveljati ta’ Jaffa u tul il-ħitan assedjanti ta’ Gaża, il-Palestina se tkun ħielsa, mix-xmara sal-baħar.